Għoxrin Ġgant tas-Seklu Għoxrin

Għoxrin Ġgant tas-Seklu Għoxrin

Fl-okkażjoni tal-75 sena mill-assassinju ta’ Mahatma Gandhi, l-għalliem u awtur Robert Aloisio ħareġ id-disa’ ktieb tiegħu li jġib l-isem “Għoxrin Ġgant tas-Seklu Għoxrin”.

Il-filosfu Skoċċiż Thomas Carlyle kien qal li “ebda bniedem kbir ma għex għalxejn… l-istorja tad-dinja mhi xejn ħlief il-bijografija ta’ nies kbar”. Huwa propju għalhekk li permezz ta’ dan il-ktieb Aloisio xtaq iwassal lill-qarrejja tiegħu ġabra ta’ għoxrin personaġġ tas-seklu għoxrin.

Aloisio għażel li jikteb dwar Gandhi, Albert Schweitzer, Einstein, Helen Keller, Giuseppe Moscati, Franklin Roosevelt, Charlie Chaplin, Giorgio La Pira, Dietrich Bonhoeffer, Madre Tereża, Thomas Merton, Oscar Romero, Nelson Mandela, Elie Wiesel, Martin Luther King, Anne Frank, Mikhail Gorbachev, Giovanni Falcone, Muhammad Alì u Lech Walesa. Tassew ġganti ta’ żmienna.

Fid-daħla għall-ktieb tiegħu, Aloisio jgħid li “l-għażla tal-personaġġi hija waħda personali u suġġettiva. Lanqas ma hija neċessarjament l-għażla tal-ikbar għoxrin personaġġ tas-seklu l-ieħor, għalkemm ħafna mill-ismijiet igawdu apprezzament internazzjonali kważi unanimu. Huma għoxrin personaġġ li jien personalment nammira għax b’li qalu u fuq kollox b’li għamlu għad għandhom ħafna x’jgħidulna ukoll illum il-ġurnata.”

X’jagħmel bniedem kbir? U x’hemm komuni bejn dawn l-għoxrin ġgant tas-seklu għoxrin? Minkejja d-differenzi ġeografiċi u kulturali li kien hemm bejniethom, dawn l-għoxrin ġgant kienu lkoll, fi kliem l-awtur “persuni mimlija b’enerġija, b’entużjażmu u b’ħerqa biex jagħmlu dinja aħjar, biex jagħtu kontribut pożittiv lill-ħajja tal-bniedem. Kienu jemmnu li setgħu jagħmlu differenza fis-soċjetà. U filfatt għamluha.”

Aloisio jgħid li dawn il-“ġganti” ma kinux nies perfetti. Kellhom id-difetti tagħhom ukoll. Kienu ġganti imperfetti. Anke dawk li wara mewthom ġew iddikjarati qaddisin. Imma l-intenzjoni ewlenija tagħhom kienet li jgħinu lill-oħrajn iktar milli biex jonfħu l-ego tagħhom u jagħmlu isem mad-dinja.

“M’iniex qaddis,” kien qal Nelson Mandela, “sakemm b’qaddis ma tifhimx midneb li jibqa’ jipprova.” Nippruvaw nagħmlu differenza għall-aħjar fil-ħajja tal-oħrajn, jissokta jgħid Mandela, għax “li jgħodd fil-ħajja mhuwiex sempliċiment li għexna, iżda d-differenza li għamilna fil-ħajja tal-oħrajn hija dik li tagħti tifsira lil ħajjitna”.

Kienu lkoll nies li ppruvaw jaraw it-tajjeb fl-oħrajn u joħorġu l-aqwa mill-persuni ta’ madwarhom. Fittxew li jgħaqqdu lin-nies u mhux jifirduhom. Bnew pontijiet u mhux ħitan. Kienu tassew ċittadini tad-dinja. Għax kif qal Martin Luther King, “irridu nitgħallmu ngħixu flimkien bħall-aħwa jew inkella nintilfu flimkien bħall-boloh”.

 

BUY NOW

Il-ktieb jinbiegħ minn Librerija Preca għall-prezz ta’ €13.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *